Sign In

Ħlas ta’ Ammonti Żejda


Minn żmien għal żmien, studenti jistgħu jintalbu jirrifondu ammonti ta’ Għotjiet ta’ Manteniment li jkun ġie kkeditat lilhom.

 

Studenti li għandhom ammount pendenti mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jintalbu jirrifondu flus jkunu irċevew skont kif jintalbu mill-Uffiċċju tal-Bord tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti u wara li jirċievu avviż ta’ ħlas żejjed mill-istess uffiċċju.

 

Xi raġunijiet li għalihom student jista’ jintalab jirrifondi ammont ta’ flus jinkludu, imma mhumiex limitati għal:

 

a. Fondi li jkunu tħallsu bi żball lill-istudent minkejja li jkunux eliġibbli għalihom;

b. Ksur tar-Regolamenti tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, inkluż il-limitu ta’ 20 siegħa xogħol part-time (f’każ bħal dan kemm l-istipendji kif ukoll l-għotjiet l-oħra jridu jiġu rifużi);

ċ. Studenti li jirriżenjaw mill-kors, ma jġibux marki sodisfaċenti, ma jkomplux il-kors  jew ma jiġux promossi;

d. Studenti li jabbandunaw il-kors mingħajr ma jirriżenjaw (f’każ bħal dan l-istipendji u l-għotjiet imħallsa tul is-sena akkademika jridu jiġu rifużi)

 

L-istudenti għandhom jinnutaw li, meta jissottomettu l-applikazzjoni onlajn għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, ikunu qegħdin jintrabtu li, fi żmien ġimgħa mir-riżenja,  jinformaw lill-Uffiċċju tal-Istipendji rispettiv.

 

Kif Tista’ Tħallas:

a.    Bi Flus Kontanti:  Tista’ tmur f’kull fergħa ta’ Maltapost plc ġewwa Malta u Għawdex.  Din l-ittra għandha tintwera mal-ħlas.

b.   Permezz ta’ Ċekk:  Ċekkijiet għandhom jiġu indirizzati lil Maltapost plc, Kaxxa Postali 500, Il-Marsa MTP 1001.  Fuq wara taċ-ċekk, għandhom jitniżżlu isem u kunjom l-istudent/a, in-Numru tar-Riferenza u n-Numru tal-Karta tal-Identita’. Kopja tan-notifika ta’ ħlas żejjed għandha tiġi ippreżentata maċ-ċekk.

 

Meta jsir il-ħlas, Maltapost se toħroġ irċevuta.  Navżaw lill-istudenti kollha li din hija l-irċevuta uffiċjali u għandha tinżamm.

 

Studenti li għandhom ammont pendenti li jridu jħallsu jistgħu jilħqu ftehim mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u  x-Xogħol rigward il-proċess tal-ħlas tal-ammont dovut.  Nitolbukom iċċemplu 153 u tagħmlu appuntament mas-Sur Simon Farrugia. 
 ​

L-ammont dovut għandu jitħallas kollu sal-bidu tas-sena akkademika li jkun imiss.

 

Studenti ma jistgħux jitqiesu eliġibbli biex jirċievu l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jekk ma jkunux ħallsu l-ammont dovut kollu.

 

L-Applikazzjoni Onlajn

Studenti li jkunu ħallsu ammonti ta’ ħlas żejda, jew li jkunu laħqu ftehim ta’ ħlas mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, għandhom itellgħu kopja elettronika tal-irċevuta fl-applikazzjoni onlajn mill-aktar fis.