Navigate Up
Sign In
Lenti fuq l-Iżvilupp ta Wliedna huwa programm nazzjonali ta’ screening għall-Autism Spectrum Disorder minn età bikrija. Dan il-programm huwa mezz sempliċi u ta’ ftit ħin li jidentifika l-possibbiltà ta’ ħtiġijiet relatati mal-ispektrum tal-awtiżmu. B’hekk, jekk jinqala’ l-bżonn, jingħata sapport qabel tinbeda l-kindergarten.

Il-proċess jibda fl-età ta’ tmintax-il xahar (18) permezz tal-M-CHAT li huwa kwestjonarju qasir li jsir mal-ġenituri jew gwardjani legali. Dan jgħin biex joħroġ riżultat indikattiv tar-riskju minn etá bikrija, fejn jeżisti, ta’ Autism Spectrum Disorder.

L-ewwel intervista għall-awtiżmu ssir minn professjonista tal-kura medika mill-iSpeech Language Department jew flimkien mal-aħħar viżta tat-tarbija fil-Well-Baby Clinic, it-tnejn li huma bi kliniċi mifruxa f’bosta bliet u rħula. Bħala ġenituri jew gwardjani legali tintalbu twieġbu għoxrin (20) mistoqsija dwar it-tarbija. Kull mistoqsija titwieġeb b’risposta ta’ Iva jew Le.

Tfal li għandhom tmintax-il xahar (18) u qatt ma pparteċipaw f’dan il-programm jistgħu jipparteċipaw billi l-ewwel tikkuntattjaw l-iSpeech Language Department (SLD) fuq 79318423 sabiex tagħmlu appuntament għall-iscreening mit-tmienja ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar (mit-Tnejn sal-Ġimgħa) jew fuq imejl lil speechlanguage@gov.mt. Jekk ma jkollkomx formola tal-kunsens, intom mitluba tistampaw u timlew il-formola tal-kunsens li tinstab fid-downloads u teħduha magħkom għall-appuntament li jkun ingħatalkom.

Dan il-kwestjonarju (l-M-CHAT) ma jipprovdix evidenza konklużiva ta’ dewmien fl-iżvilupp, diffikultajiet fit-tagħlim, jew bżonnijiet edukattivi u mhuwiex ser jirriżulta f’dijanjożi immedjata. Jista’ madankollu jgħin biex jidentifika xi diffikultajiet illi jwasslu għal dijanjożi bikrija bis-saħħa ta’ stħarriġ f’aktar dettall mit-tim speċjalizzat.

Il-parteċipazzjoni hija waħda volontarja u mingħajr ħlas. Kemm-il darba ma tkunux tistgħu takkumpanjaw lit-tifel jew tifla tagħkom intom, jista’ jieħu postkom adult mogħti l-permess tagħkom bil-miktub fejn indikat fil-formola tal-kunsens.

Kull min jakkumpanja t-tifel jew tifla (ġenituri, gwardjani, jew adulti awtorizzati) għandu jieħu miegħu l-karta tal-identità, il-passaport, jew il-liċenzja tas-sewqan għal raġunijiet ta’ identifikazzjoni. Tistgħu tattendu f’waħda mill-kliniċi msemmija fil-lista ta’ hawn taħt:
 
 
Kliniċi tal-iSpeech Language
Berġa Birżebbuġa
Ċentru tas-Saħħa Mosta
Ċentru tas-Saħħa Birkirkara
Ċentru tas-Saħħa Raħal Ġdid
Ċentru tas-Saħħa Bormla
Ċentru tas-Saħħa Qormi
Ċentru tas-Saħħa Floriana
Ċentru tas-Saħħa Rabat
Berġa Ħal Għaxaq
Speech Language Department, Ħal Luqa
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex
Berġa Żebbuġ
Ċentru tas-Saħħa Gżira
Berġa Żejtun
Berġa Mellieħa
Berġa Żurrieq
 
Għal aktar tagħrif dwar dan il-programm tistgħu ċċemplu fuq 25983447/8 jew permezz ta’ imejl lil info.lenti@gov.mt