
Wieħed
mis-setturi li qed jingħataw prijorità mill-Gvern huwa bla dubju s-settur
edukattiv, li fih qed isir investiment bla preċedent fejn tidħol infrastruttura
edukattiva.
Mill-2013
sas-sena li għaddiet tlestew 35 proġett maġġuri b’investiment ta’ €84,800,000
filwaqt li hemm xogħol kurrenti maġġuri li qed isir b’investiment ta’
€135,850,000 – total ta’ €220,650,000 ta’ investiment dirett f’uliedna u
l-edukaturi tagħna.
“Ix-xogħol li għaddej huwa
mmirat biex it-tfal tagħna jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fl-aħjar ambjent
edukattiv possibbli, filwaqt li l-edukaturi wkoll ikollhom l-aqwa ambjent fejn
jagħtu t-tagħlim lil uiedna,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport,
iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru
Grima kien qed jitkellem waqt żjara li saret fl-Iskola Primarja ta’ Ħal
Tarxien, fejn sar proġett ta’ tisbiħ li huwa wkoll konness ma’ proġett ieħor li
se jitwettaq, il-proġett ta’ tkabbir u tisbiħ estensiv fl-Iskola Primarja ta’
Ħal Għaxaq b’investiment ta’ €4 miljun għall-immodernizzar u estensjoni
tal-iskola kollha.
“Fix-xogħol
infrastrutturali li nagħmlu dejjem inżommu f’moħħna s-saħħa u s-sigurtà
tat-tfal u ta’ dawk kollha li jaħdmu fl-iskola. Kien għalhekk li l-FTS,
flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, ħadet id-deċiżjoni li b’mod
temporanju tmexxi l-operat tal-iskola ta’ Ħal Għaxaq għal żewġ skejjel oħrajn,”
spjega l-Ministru Grima.
Għalhekk madwar 268 tifel u tifla li
jattendu l-kindergarten u l-ewwel tliet snin tal-iskola primarja f’Ħal Għaxaq
se jattendu fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi, filwaqt li madwar 109 tifel u
tifla fl-aħħar tliet snin tal-iskola primarja f’Ħal Għaxaq se jirċievu
l-edukazzjoni tagħhom fl-Iskola Primarja l-antika ta’ Ħal Tarxien.

F’Ħal Għaxaq se
jinbena sular ġdid fuq il-binja eżistenti biex l-iskola tilħaq maż-żieda
fil-popolazzjoni f’din il-lokalità, kif ukoll il-binja kollha tkun modernizzata
kompletament u tissebbaħ il-parti l-antika.
Lejlet il-ftuħ
ta’ sena skolastika ġdida, il-Ministru Grima awgura, l-ewwelnett
lill-edukaturi, l-amministrazzjoni tal-iskejjel, dawk kollha involuti
fis-sistema edukattiva, għas-sena skolastika li jmiss, kif ukoll lill-eluf ta’
studenti u l-ġenituri tagħhom.
Preżenti għal
din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-FTS
Neville Young, li spjega x-xogħol li sar fl-iskola ta’ Ħal Tarxien, l-Kap
tal-Iskola ta’ Ħal Għaxaq u l-Prinċipal tal-Kulleġġ San Benedittu.