Navigate Up
Sign In

Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni – ‘Nibdlu r-rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’

Reference Number: PR220089, Press Release Issue Date: Jan 24, 2022
 
 
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima għamel żjara fl-Iskola Primarja Ġużè Pace fil-Ħamrun, sabiex isegwi mill-qrib l-andament tal-proġett EduAI. 

L-għan ewlieni tal-proġett EduAI huwa li joħloq u jxerred l-intelliġenza artifiċjali (IA) permezz ta’ proġetti edukattivi fost it-tfal ta’ bejn 8 u 10 snin. Il-proġett qiegħed juri bil-provi li l-IA fl-edukazzjoni tista’ titħaddem u minnha jistgħu jibbenifikaw l-edukaturi, it-tfal u l-ġenituri tagħhom.

“L-edukazzjoni diġitali u l-użu tal-inteliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni hija importanti għaliex hija parti milledukazzjoni sħiħa li rridu nippromwovu fl-iskejjel u l-entitajiet edukattivi tagħna,” qal il-Ministru Grima. 

Dan il-proġett qed iwassal għal għarfien aħjar tas-sehem tal-IA fl-edukazzjoni. Fil-proġett it-tagħlim tal-ħiliet bażiċi u l-litteriżmu jitlaqqgħu mal-ħiliet innovattivi li jintużaw fl-IA u fit-tagħlim tal-magni (Machine Learning). Fil-programm ‘Gost il-Qari/The Pleasure of Reading’ tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, l-edukaturi u t-tfal qed jużaw pupazzi mgħammra bl-IA biex jagħtu l-ħajja lil stejjer li jkunu qraw flimkien mal-għalliema fil-klassi. Permezz tat-tagħlim li jieħdu l-magni, u l-apps li jaqraw it-testi u jirrikonoxxu t-taħdit, il-parteċipanti tal-proġett qegħdin jieħdu sehem f’attivitajiet u logħob bil-lingwa u tal-litteriżmu.

 
It-tema li għażlet il-Ġnus Magħquda din is-sena, 2022, għall-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni hija ‘Nibdlu rRotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’. Intgħażlet din it-tema biex tissaħħaħ u tieħu spinta l-edukazzjoni wara lisfidi li għadda minnhom dan is-settur minn mindu faqqgħet il-pandemija li wasslu biex l-attivitajiet kollha, inkluż dawk edukattivi, jieħdu xeħta oħra.

Il-Ministru Grima rrefera għall-proġett EduAI bħala eżempju tajjeb ta’ kif l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija nbidlu f’opportunità. Dan għaliex iż-żmien tal-pandemija ntuża biex grupp ta’ edukaturi tħarrġu kif jinqdew blIA biex jissaħħaħ il-litteriżmu u t-tagħlim tal-ħiliet bażiċi jkun aktar relevanti u effettiv. Dan jinkwadra tajjeb filviżjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport għas-settur edukattiv, li jkollna edukazzjoni li tindirizza l-isfidi
li ġġib magħha d-dinja globalizzata b’modi li jiġbdu u jimmotivaw lill-istudenti skont ix-xeħtiet personali tagħhom u mhux b’mod wieħed li jkollu joqgħod għalih kulħadd. Jekk irridu tassew edukazzjoni sħiħa, fittagħlim tal-ħiliet bażiċi, fosthom il-litteriżmu, irridu napplikaw mezzi innovattivi.

‘Gost il-Qari/The Pleasure of Reading’ huwa programm ta’ qari għall-gost tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru. L-għan tiegħu huwa li jkattar in-namra għall-kotba u l-qari li jagħti gost. Jieħdu sehem fih tfal ta’ bejn seba’ snin u ħdax-il sena li jkunu fl-aħħar erba’ snin tal-primarja. Fis-sessjonijiet jinqraw stejjer b’mod interattiv u divertenti li jħajjar lit-tfal jimmaġinaw u jxettel il-ħiliet kritiċi tagħhom. Fl-2021 ħadu sehem
f’dan il-programm mal-2,500 tifel u tifla.

 
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu l-Professur Charles Mifsud qal li sa issa fil-proġett EduAI pparteċipaw 36 student u 15-il edukatur, u saru wkoll 10 sessjonijiet ta’ taħriġ. Dan il-proġett qed isir bi sħab bejn iċ-Ċentru tal-Litteriżmu tal-Università ta’ Malta u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, u huwa ffinanzjat mill-Awtorità Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali.​