Navigate Up
Sign In

Studju pilota li jevalwa l-implimentazzjoni ta’ Safe Dates - Programm ta’ prevenzjoni mill-abbuż f’relazzjonijiet fiż-żgħożija

Reference Number: PR212151, Press Release Issue Date: Dec 01, 2021
 
 
 
 
Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, fi ħdan il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni f’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, nediet studju pilota bl-isem ta’ Safe Dates: A Pilot Study Evaluating the Implementation of ‘Safe Dates’ – a Teen Relationship Abuse Prevention Programme. Dan il-programm huwa bbażat fuq ilprogramm edukattiv Safe Dates (Foshee et al., 2021).
 
L-għan ta’ dan il-programm edukattiv huwa li jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet essenzjali li jgħinuhom jagħrfu sinjali ta’ abbuż fir-relazzjoni minn kmieni, jaġixxu b’mod effettiv u sikur u jkunu jafu x’għandhom jagħmlu biex isibu l-għajnuna jekk iħossuhom skomdi jew fil-periklu. B’hekk ikunu jistgħu ikollhom relazzjonijiet sani u sikuri. Dan il-għan jintlaħaq permezz ta’ attivitajiet edukattivi li jisħqu fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza f’relazzjonijiet intimi. Riċerka li saret fl-Istati Uniti turi li dan il-programm kien tassew effettiv fil-prevenzjoni tal-abbuż waqt dating.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar ħafna din l-inizzjattiva u qal li huwa kruċjali li nibdew nedukaw dwar relazzjonijiet sani u sikuri miċ-ċokon, sabiex nipprevjenu kemm jista’ jkun il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi talġeneru.

“Inizzjattivi bħal dawn,” qal il-Ministru Bonnici, “jagħtuna t-tama li l-ġenerazzjoni futura għad tkun preparata aħjar sabiex taffaċċja l-isfidi tal-ħajja, fosthom dawk li jistgħu jġibu magħhom irrelazzjonijiet intimi. Importanti li nkomplu naħdmu ma’ dawn iż-żgħażagħ biex jitgħallmu jagħrfu ssinjali ta’ relazzjonijiet tossiċi u jfittxu l-għajnuna fil-ħin.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana faħħret ħafna din l-inizzjattiva, speċjalment is-sehem tal-istudenti tal-iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva li ħadu sehem f’video edukattiv marbut ma’ din it-tema.

Il-Ministru Caruana qalet li t-tfal ta’ din l-età, ikunu għaddejjin minn ħafna emozzjonijiet li ġġib magħha din l-età delikata, u ambjent ta’ vjolenza domestika ċertament li ma jgħin xejn u jikkawżalhom ħafna tbatija. “Huwa kruċjali li nkomplu ngħallmu lil dawn iż-żgħażagħ dwar relazzjonijiet personali sani u dwar l-importanza li jgħarfu s-sinjali meta relazzjoni tkun tista’ tkun ta’ ħsara għalihom, u jitkellmu fejn ikollhom bżonn l-għajnuna.”

Paripassu mal-prinċipji tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi talĠeneru u l-Vjolenza Domestika tikkommetti ruħha sabiex tipprevjeni l-abbuż u għaldaqstant, ilkurrikulu tal-programm Safe Dates ser ikun qed jiġi implimentat bħala studju pilota f’erba’ skejjel tal-Istat (fil-Kulleġġ ta’ San Injazju, fil-Kulleġġ ta’ San Tumas More, fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara u fil-Kulleġġ ta’ San Nikola) fil-lezzjonijiet tal-PSCD għal studenti li jinsabu fl-Għaxar Sena. Ilkontenut tas-Safe Dates, li ġie adattat għall-kuntest lokali, ikopri materjal li jgħin lill-istudenti jgħarfu u jipprevjenu diversi forom ta’ abbuż fir-relazzjonijiet tagħhom u kif għandhom jgħinu lill-persuni li jinsabu f’relazzjonijiet abbużivi.

L-għan prinċipali ta’ dan l-istudju pilota huwa li nevalwaw l-effettività tal-programm Safe Dates fittibdil tat-twemmin u tal-attitudnijiet tal-istudenti tal-PSCD tal-Għaxar Sena rigward l-abbuż firrelazzjonijiet, filwaqt li nisimgħu l-esperjenzi tal-għalliema tal-PSCD dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, flimkien ma’ Dr Clarissa Sammut Scerri mid-Dipartiment tal-Istudji talFamilja fl-Università ta’ Malta, qed tniedi din ir-riċerka f’ħidma kontinwa mal-uffiċjali taledukazzjoni tal-PSCD u tad-drama, mal-kapijiet tal-iskejjel u mal-għalliema tal-PSCD.