Navigate Up
Sign In

Grad ta’ Baċellerat għal KGEs biex jiżviluppaw il-kompetenzi professjonali tagħhom

Reference Number: PR211971, Press Release Issue Date: Nov 01, 2021
 
 
 
Wara li kien iffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Istitut għall-Edukazzjoni u l-MCAST, ġie żviluppat Bachelor of Arts (Hons) Early Years, Learning and Care (Top Up), li għandu l-għan li jilħaq lil dawk l-edukaturi tal-Kindergarten li diġà għandhom Diploma Nazzjonali Għolja MQF Livell 5 f’dan is-settur. Dan il-kors jippermetti lil dawk l-edukaturi tal-Kindergarten biex jiżviluppaw aktar il-kompetenzi professjonali tagħhom u jiksbu Grad ta’ Baċellerat.

“L-impenn tagħna għall-edukaturi huwa wieħed dejjiemi biex nagħtuhom kull opportunità possibbli biex ikomplu jiżviluppaw fil-professjoni tagħhom. Dan qed nagħmluh b’kull mezz possibbli, anke permezz ta’ sinerġija bejn l-entitajiet li jaqgħu taħt is-settur edukattiv, kif qed naraw f’dan il-każ, bejn l-Istitut għall-Edukazzjoni u l-MCAST,” qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni, hekk kif ġie varat dan il-kors.

Meta jtemmu b’suċċess il-kors, dawn l-edukaturi tal-Kindergarten isiru KGE3, u din il-progressjoni hija riflessa wkoll f’salarju aħjar. Dan il-kors jingħata fuq bażi part-time u b’approċċ imħallat, kemm b’lectures fiżiċi u wkoll online.

Il-lectures online huma mfassla b’tali mod li l-parteċipanti jkollhom kemm sessjonijiet diretti li matulhom jista’ jkun hemm diskussjonijiet mal-lettur u ma’ sħabhom stess, xogħol fi grupp, preżentazzjonijiet, dibattiti u modi oħra ta’ interazzjoni, filwaqt li l-parteċipanti tal-kors ikollhom ilpossibbiltà li jaċċessaw il-materjal fi kwalunkwe ħin. It-tfassil tal-kors sar b’dan il-mod biex ikun hemm iktar flessibbiltà għall-istudenti u ttejjeb l-aċċessibbiltà għaliex dawn ikunu jistgħu jkomplu bl-impjieg full-time tagħhom filwaqt li jiksbu grad ta’ standard għoli. 

Il-kors huwa ta’ 18-il xahar, li jibda f’Jannar 2022, bl-applikazzjonijiet jiftħu fil-15 ta’ Novembru 2021. L-applikanti jistgħu wkoll japplikaw għall-Iskema Get Qualified li tippermettilhom jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa fuq l-ispiża tal-kors.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja qal li, “Fl-MCAST nagħrfu r-rwol importanti li għandhom l-edukaturi biex tiġi żgurata edukazzjoni effettiva u inklużiva għal kulħadd. Il-prijorità tagħna hi li nsaħħu l-kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet u mal-industrija għall-benefiċċju tal-istudenti. Dan il-ftehim mal-Istitut għall-Edukazzjoni se jkompli jsaħħaħ l-offerta u l-opportunitajiet għall-edukaturi, li fil-futur se jkunu qed jieħdu ħsieb li kull student jirnexxi.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima qalet, “Importanti l-fatt li qed nenfasizzaw li fis-snin bikrin irid ikun hemm esperjenza edukattiva tal-aqwa kwalità għax l-effett ta’​ din l-esperjenza se tkompli tinħass matul il-ħajja kollha ta’ dawn l-istudenti, ukoll meta jsiru adulti. Ma nistgħux niżbaljaw u ma nistgħux ma nkunux konxji li rridu nagħtu l-aqwa, għax minn issa nkunu qed naffettwaw il-ġenerazzjoni adulta li se jkollna fil-futur.”

L-MCAST u l-Istitut għall-Edukazzjoni ġabru flimkien tim ta’ professjonisti biex jiżviluppaw din ilkwalifika importanti, li se jkollha impatt dirett fuq it-tfal għaliex tgħinhom mhux biss fit-tagħlim, imma wkoll fil-mod kif jgħelbu sfidi soċjo-emozzjonali. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jemmen li linvestiment f’dan il-qasam huwa kruċjali u, għalhekk, li kull inizjattiva tkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-edukaturi imma wkoll għall-istudenti tagħhom.