Navigate Up
Sign In

Investiment infrastrutturali ieħor: €3 miljuni għal tisbiħ estensiv fl-Iskola Primarja ta’ Żebbuġ f’Għawdex

Reference Number: PR211861, Press Release Issue Date: Oct 08, 2021
 
 
 
Binja ta’ sular wieħed li nfetħet fl-1958 issa se tingħata dehra kompletament ġdida u moderna biex listudenti u l-edukaturi tal-Iskola Primarja ta’ Żebbuġ, Għawdex, ikollhom ambjent xieraq u komdu b’investiment ta’ €3 miljuni.

“Proġett infrastrutturali ieħor flimkien ma’ dawk diġà mħabbra biex inkomplu ntejbu l-esperjenza edukattiva ta’ uliedna u tal-edukaturi tagħna. Qed naraw li apparti titjib fi strateġiji u wkoll miżuri li qed indaħħlu fis-sistema edukattiva, inkomplu ntejbu wkoll l-ambjent infrastrutturali”, qalet ilMinistru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana meta tat id-dettalji ta’ dan il-proġett.

Il-proġett jinvolvi tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti u huwa intenzjonat li joffri spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għall-istudenti u għall-edukaturi.

Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett se jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari. Permezz tal-proġett se tkun indirizzata wkoll l-aċċessibbiltà fil-binja biex tkun skont il-liġi. 

Bħala parti mill-proġett se jkunu installati servizzi ġodda, fosthom servizz ġdid ta’ dawl, ilma u drenaġġ, kameras tas-sigurtà, konnettività tal-internet, alarm u servizzi ta’ fire safety. L-iskola se jkollha wkoll għamara ġdida li tħeġġeġ aktar l-inklużjoni fit-tagħlim.

Bħalma qed isir fl-iskejjel kollha li qed jiġu rranġati, fil-binja se jiġu introdotti wkoll miżuri effiċjenti fl-enerġija skont kif mitlub mil-liġi.

L-iskola primarja fiż-Żebbuġ, li tifforma parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex, kienet iddisinjata mill-Perit Joseph Huntingford u nfetħet fl-1958. Il-binja hi mifruxa fuq madwar 2,300 metru kwadru.

Biex ix-xogħol isir b’ritmu mgħaġġel u biex ikunu mħarsin it-tfal u l-edukaturi, sakemm isir ixxogħol, it-tagħlim se jingħata fi klassijiet temporanji fl-istess post tal-iskola eżistenti biex it-tfal jibqgħu jitgħallmu fl-ambjent tal-iskola tagħhom li huma mdorrijin fih.

Il-permessi tal-ippjanar ħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar u t-tender se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan il-proġett qed tieħu ħsiebu l-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada. Preżenti għat-tnedija talproġett kien hemm ukoll il-Kap tal-Iskola Sandra Casarini, il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Neville Young u s-Sindku ta’ Żebbuġ Nicky Saliba.