Navigate Up
Sign In

Maħtura ċ-chairperson eżekuttiv u l-bord il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Reference Number: PR211634, Press Release Issue Date: Sep 07, 2021
 
Is-Sur Mark Camilleri nħatar bħala ċ-chairperson eżekuttiv il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Is-Sur Camilleri huwa gradwat fl-Istorja bil-Baċellerat tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta u ilu jgћallem gћall-aћћar sbatax-il sena, u fil-preżent huwa assistent kap ta’ skola fi skola primarja tal-Istat. Sa minn ċkunitu ћabb il-qari u l-kitba ta’ poeżiji jew stejjer qosra. Jikteb regolarment rumanzi jew novelli polizjeski u wkoll xogћol gћal kotba tat-tfal. Fl-2009 kellu l-ewwel storja qasira, Gallo, ippubblikata fil-kollezzjoni 45 li fiha introduċa mal- arrejja lill-Ispettur Victor Gallo. Sena wara kien ippubblika r-rumanz debut tiegћu Prima Facie u li minnu twieled l-ewwel book video li qatt sar Malta. Ippubblika wkoll tliet rumanzi polizjeski oħra Volens (2013), Nex (2016) u Alias (2021). Awtur ukoll tal-ktieb, Mill-Istorja tal-Futbol Malti (2018).

Il-membri l-oħra tal-bord, li jirriflettu l-aspetti differenti tal-industrija tal-ktieb huma Mark Vella bħala deputat chairperson u bħala membri, Daniela Attard Bezzina, Dr Maria Brown, Aleks Farrugia, Joseph Mizzi, Dr Christopher Gruppetta, il-Professur John Portelli u Joseph Debattista.

Il-bord huwa maħtur għal perjodu ta’ tliet snin.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, filwaqt li tirringrazzja lill-membri kollha tal-bord preċedenti, tawgura lill-bord il-ġdid għal ħidma sfiqa u li l-ħidma tagħhom tkompli timraħ biex tissaħħaħ l-industrija tal-ktieb Malti u l-promozzjoni tal-qari tal-ktieb.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa assoċjazzjoni ta’ pubblikaturi u kittieba li toffri lill-industrija tal-ktieb Malti bosta servizzi importanti filwaqt li tħeġġeġ il-qari u tmexxi ’l quddiem il-ktieb bħala mezz ta’ komunikazzjoni fl-għamliet kollha tiegħu. Il-Kunsill jirrappreżenta lill-kittieba u lill-pubblikaturi f’fora pubbliċi u mal-istituzzjonijiet biex jippromwovi l-interessi tal-industrija tal-kotba.​