Navigate Up
Sign In

Il-ftuħ ta’ ċentru għall-ħarsien tat-tfal ieħor huwa biss il-bidu ta’ titjib fis-servizzi tal-FES

Reference Number: PR211509, Press Release Issue Date: Aug 11, 2021
 
 
 

Illum, il-11 ta’ Awwissu 2021, infetaħ ċentru għall-ħarsien tat-tfal ġdid li jagħmel parti mill-Iskola Primarja l-ġdida tal-Qawra, biex issa dan il-lokal għandu wkoll ċentru modern u attrezzat biex jilqa’ tfal minn din il-lokalità. Il-ftuħ uffiċjali sar mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana. 

“Dan iċ-ċentru l-ġdid huwa riżultat tas-sinerġija li hemm bejn dawk kollha involuti biex ilkoll flimkien naħdmu ħalli tassew ikollna edukazzjoni kwalitattiva,” stqarret il-Ministru Caruana. “Dan huwa l-impenn tal-gvern, li nkomplu nsaħħu s-servizzi għat-tfal, mhux biss bil-ftuħ ta’ ċentri ġodda, imma li jkunu servizzi bi standards għoljin biex inkomplu nilħqu l-għanijiet tagħna, flimkien malmiżuri li ħabbarna ftit tal-ġranet ilu li se nkunu qed nestendu l-ħinijiet taċ-ċentri, inkluż ukoll nhar ta’ Sibt.” 

Iċ-ċentru għall-ħarsien tat-tfal ‘Ix-Xemx’ huwa it-13-il ċentru tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, li bħalissa kollha flimkien jospitaw madwar 400 tifel u tifla. 

F’dan iċ-ċentru jingħata wkoll is-servizz b’xejn li daħħal dan il-gvern, u permezz tiegħu qed ikun hemm riżultati pożittivi, fosthom żieda ta’ ommijiet fil-qasam tax-xogħol u li jkomplu l-istudji tagħhom. 

Il-Ministru Caruana qalet li l-gvern irid ikompli jsaħħaħ is-servizzi ta’ din il-fondazzjoni, li għandha f’idejha mhux biss servizzi ta’ childcare imma wkoll SkolaSajf u l-Klabb 3-16, u għalhekk prattikament toffri servizzi lill-familji Maltin u Għawdxin li għandhom tfal minn trabi sa 16-il sena. 

Dawn is-servizzi se jkomplu jittejbu u, kif tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, minn Ottubru se jibda servizz bi prova biex tintlaħaq faxxa ta’ ġenituri li ma setgħux jagħmlu użu mis-servizz ta’ childcare minħabba l-ħinijiet li jingħata dan is-servizz bħalissa. Għalhekk, minn Ottubru li ġej se jinfetħu sitt ċentri mxerrdin madwar Malta li fihom se jkunu estiżi l-ħinijiet tal-ftuħ bħala prova, u se jingħata wkoll servizz nhar ta’ Sibt. 

Iċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal tal-gvern, immexxija mill-FES, jipprovdu kura u ħarsien matul il-jum li jippermetti li l-ġenituri jsibu bilanċ bejn il-karriera u x-xogħol, u l-familja. 

Il-Ministru Caruana semmiet ukoll il-kontribut siewi tal-FES f’dan il-qasam li huwa rifless fil-fatt li l-fondazzjoni ma kinitx biss pedina li toffri servizz, imma wkoll imsieħba ċentrali fit-tfassil talIstrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għas-Snin Bikrin, u wkoll fl-iżvilupp tal-Programm ta’ Tagħlim u Assessjar fl-Edukazzjoni tat-Tfal fis-Snin Bikrin.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet, “Intenni li waħda mill-prijoritajiet tal-Ministeru għallEdukazzjoni hija mhux biss li jkollna edukazzjoni ħolistika, imma li tkopri l-etajiet kollha. Aħna qed naraw li bil-ħidma tagħna nimmiraw għal servizzi aktar kwalitattivi, li permezz tagħhom jintlaħqu lbżonnijiet tat-tfal u tal-familji fis-soċjetà tal-lum”.

Il-ftuħ uffiċjali sar fil-preżenza ta’ Pamela Seychell, Chairperson tal-FES, u Dermot Galea, Kap Eżekuttiv tal-FES.​