Navigate Up
Sign In

57 kontributur mill-privat u NGOs jagħtu opportunità ta’ microplacement lil edukaturi futuri

Reference Number: PR211485, Press Release Issue Date: Aug 06, 2021
 
 
 
Malta huwa l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li daħal bi sħab ma’ entitajiet pubbliċi, privati u NGOs biex dawn jagħtu esperjenza unika lill-edukaturi futuri ta’ uliedna billi jospitawhom waqt it-taħriġ tagħhom sabiex ikollhom esperjenza ta’ xogħol diretta, li permezz tagħha jkabbru l-kompetenzi tagħhom li fl-aħħar mill-aħħar se jgħaddu lill-istudenti fil-klassi.

“Din l-inizjattiva mhux biss hija importanti għall-għalliema li se jkollhom lil uliedna f’idejhom, imma wkoll għal pajjiżna, għaliex Malta hija l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li qed jagħti din l-opportunità ta’ esperjenza ta’ microplacement bħala parti mit-taħriġ tal-edukaturi”, spjegat il-Ministru għallEdukazzjoni Justyne Caruana waqt laqgħa mal-kontributuri kif ukoll mal-għalliema futuri.

Permezz ta’ din l-inizjattiva tal-Istitut għall-Edukazzjoni, li hija parti mill-kors tal-Baċellerat, dawk li jinsabu fil-proċess li jsiru edukaturi ta’ uliedna komplew jibbenefikaw minn din l-opportunità li qed tingħata lil kull min irid isir għalliem, u mhux ma’ dawk li jridu jsiru għalliema tas-suġġetti vokazzjonali biss.

Is-57 kontributur ġejjin minn setturi varji, pubbliċi u privati, u kienu minn ta’ l-ewwel li reqsu lejn lIstitut għall-Edukazzjoni biex jikkollaboraw u jikkontribwixxu għal din l-inizjattiva.

 Il-Ministru Caruana qalet li, “Il-ħiliet tas-seklu 21 li tant nitkellmu dwarhom jistgħu jinkisbu billi noffru opportunitajiet relevanti u prattiċi biex verament nesperjenzawhom u jkollna evidenza ċara li ġew akkwistati. Tajjeb li nfaħħru din l-inizjativa, għaliex l-ebda kors, kemm lokali u wkoll fuq livell Ewropew, ma joffri possibilità bħal din bħala parti mit-taħriġ inizjali lill-għalliema”.

Din l-innovazzjoni hija mistennija li tħalli ħafna frott fl-għalliema, imbagħad fit-tfal, u fl-aħħar millaħħar toħloq ċittadini attivi. Hija inizjattiva li wkoll tara li l-edukaturi jkunu iktar preparati għall-futur u għal dak kollu li jiġi mal-post tax-xogħol.

 Il-Ministru Justyne Caruana qalet li llum nafu li fil-klassi għandna elementi differenti, elementi diversi, u allura importanti li jkollna edukaturi li jkunu versatili u flessibbli, però biex ikollhom dawn il-kwalitajiet u biex ikunu f’pożizzjoni ottimali li joħorġu l-ħiliet tal-istudenti tagħhom, irridu wkoll aħna min-naħa tagħna, nagħtuhom l-għodod kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu dan.

Il-Ministru Caruana tenniet li qed tingħata prijorità lill-edukaturi u dan qed isir billi wieħed jisma’ x’inhuma l-isfidi tagħhom, u fejn huwa possibbli, jgħin f’dawn l-isfidi. Il-ministeru qed jaħdem ukoll biex jagħti kull opportunità possibbli biex l-edukaturi tagħna jkomplu jiżviluppaw mhux biss b’mod personali, imma wkoll fil-ħiliet li għandhom u li permezz tagħhom igawdu l-istudenti tagħna, li huma l-mexxejja futuri tas-soċjetà.