Navigate Up
Sign In

Aktar investiment f’uliedna: €4 miljuni għall-immodernizzar tal-Iskola Primarja ta’ Ħal-Għaxaq

Reference Number: PR211458, Press Release Issue Date: Aug 03, 2021
 
 
 
Tħabbar proġett ieħor li minnu se jgawdu l-istudenti u l-edukaturi, investiment kapitali ta’ €4 miljun li permezz tiegħu l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq se tingħata dehra kompletament moderna u se jinbena sular ieħor biex ilaħħaq mal-popolazzjoni tal-istudenti. 

“Qegħdin nirriġeneraw is-settur edukattiv”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana meta tat id-dettalji ta’ dan il-proġett, u kompliet li “dan qed nagħmluh mhux biss billi qed indaħħlu lil dan is-settur fl-era tal-lum permezz ta’ tiġdid ta’ strateġiji, ta’ titjib fil-kurrikulu, imma wkoll qed naraw li nirriġeneraw l-ambjent edukattiv f’wieħed addattat biex ikollna edukazzjoni tassew kwalitattiva”.

L-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Benedittu, tinsab f’binja ta’ żewġ sulari li nbniet fil-bidu tas-seklu għoxrin. Permezz ta’ dan l-investiment se jinbena sular ġdid fuq ilbinja eżistenti biex l-iskola tilħaq maż-żieda fil-popolazzjoni f’din il-lokalità u jsir tisbiħ estensiv taliskola primarja eżistenti. L-iskola primarja għandha popolazzjoni ta’ madwar 350 tifel u tifla u din mistennija titla’ għal madwar 400 fis-snin li ġejjin. 

Apparti minn hekk, il-parti l-antika tal-iskola se tkun kompletament immodernizzata u msebbħa. Permezz tal-proġett se tkun indirizzata l-aċċessibbiltà fil-binja u se jkunu introdotti wkoll miżuri effiċjenti tal-enerġija, kif ukoll aktar żoni fid-dell fl-ispazju rikreattiv fuq barra. Bħala parti millproġett se jkunu installati servizzi ġodda, fosthom dawl, ilma, dranaġġ, CCTV, konnessjoni talinternet, alarm, u servizzi ta’ fire safety. 

It-tender tal-proġett kollu, li qed tieħu ħsiebu l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-Ministru Caruana qalet li dan l-investiment f’Ħal Għaxaq ikompli mal-lista ta’ investiment kapitali li qed isiru fl-iskejjel tagħna madwar Malta u Għawdex biex l-istudenti u l-edukaturi jkollhom ambjent edukattiv xieraq.

F’Għawdex l-iskola ġdida fir-Rabat u l-immodernizzar tal-middle school jinsabu fi stadju avvanzat filwaqt li tħabbar wkoll investiment kapitali fl-iskola tan-Nadur. Fil-jiem u ġimgħat li ġejjin se jitħabbru aktar proġetti.

F’Malta hemm ukoll xogħol għaddej fuq aktar proġetti: xogħol ta’ skola ġdida fl-Imsida, għaddej xogħol fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija, dik taż-Żejtun, u l-Iskola Primarja tal-Mellieħa, u għadha kemm kienet inawgurata wkoll l-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta, b’aktar proġetti se jitħabbru wkoll fil-futur qarib. 

Apparti dawn il-proġetti, hemm ukoll xogħlijiet għaddejjin fuq skala iżgħar li wkoll se jkunu qegħdin jagħtu nifs ġdid lil dawn l-iskejjel. 

Il-Ministru Caruana qalet, “Hija prijorità tagħna li jkollna skejjel ġodda, skejjel modernizzati, b’ambjent addattat biex ikollna edukazzjoni tassew kwalitattiva”. 

Għall-konferenza tal-aħbarijiet kienu wkoll preżenti l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Neville Young u wkoll is-Sindku u Kunsilliera tal-lokal.