Navigate Up
Sign In

Culture Pass 2021-2022 – Investiment ta’ €200,000 għall-produzzjonijiet artistiċi fl-iskejjel

Reference Number: PR211420, Press Release Issue Date: Jul 27, 2021
 
 
 
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana nedew il-programm Culture Pass 2021-2022. Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali qed jalloka €200,000 għal dan il-programm. L-għan ta’ dan il-programm huwa li joffri programm artistiku b’xelta wiesgħa ta’ produzzjonijiet mtella’ minn artisti lokali, għal studenti f’livell primarju, sekondarju u post sekondarju. Dan il-programm jikkumplimenta l-kurrikulu sabiex joffri esperjenza edukattiva u ħolistika lill-istudenti li jipparteċipaw fih.

“Il-programm tal-Culture Pass huwa importanti ħafna u huwa outreach edukattiva għaż-żgħażagħ tagħna. Aħna nemmnu li biex iż-żgħażagħ tagħna verament jkollhom edukazzjoni kompluta, din trid tingħata wkoll dimensjoni kulturali u kreattiva,” sostna l-Ministru Herrera. Huwa kompla li matul is-sena skolastika li għaddiet dan il-programm kien ta’ suċċess, fejn aktar minn 80 skola għamlu talba għal dawn il-wirjiet li kellhom jsiru online sabiex jiġu osservati l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Il-Culture Pass sar opportunità oħra biex jinċentiva l-produtturi kulturali biex jipproduċu produzzjonijiet ġodda u attivitajiet artistiċi mfassla speċifikament għat-tfal u ż-żgħażagħ. Il-produzzjonijiet ivarjaw u jirrappreżentaw il-forom kollha tal-arti: żfin, teatru, mużika, arti viżiva, letteratura, film u wirt kulturali.

“Irridu nrawwmu liż-żgħar tagħna sa minn età ċkejkna biex japprezzaw mhux biss il-kultura, il-wirt storiku u dak kollu li huwa tradizzjoni kulturali, imma wkoll inħeġġu u nnisslu fihom l-apprezzament għall-espressjoni artistika. Dan huwa mod ukoll kif inwasslu biex jiżdied il-potenzjal kreattiv ta’ dawn l-istudenti”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana. Hija kompliet tgħid li, “Bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet kulturali qed ngħinu lill-uliedna jgħarfu li l-edukazzjoni mhix biss dik li tingħata fil-klassi, imma l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-kurrikulu u hija mezz kif student jesplora wkoll il-ħiliet tiegħu u għalhekk permezz ta’ dawn l-attivitajiet kulturali jista’ jkollok studenti li jaraw fihom infushom talenti u ħiliet artistiċi li jistgħu jesploraw fil-mixja tal-karriera tagħhom.”

“Is-suċċess tal-Culture Pass ġej mill-fatt li hemm sinerġija bejn il-ħolqien ta’ produzzjonijiet ġodda mill-artisti professjonali mmirati speċifikament għat-tfal u r-rabta ta’ dawn il-produzzjonijiet mal-kurrikulu li jkun qed jiġi studjat. Għalhekk, il-produzzjonijiet iservu biex it-tagħlim ikun aktar kreattiv u interattiv,” sostna s-Sur Mario Azzopardi, Direttur tal-Kultura.
 
Id-Direttorat tal-Kultura u l-Kunsill Malti għall-Arti qed iqisu ċ-ċirkostanzi u l-limitazzjonijiet minħabba l-pandemija COVID-19 li fiha l-programm Culture Pass kien qed jopera fl-istituzzjonijiet edukattivi matul l-aħħar sena skolastika. Għalhekk, il-produzzjonijiet kollha magħżula għall-programm 2020-2021 se jiġu inklużi awtomatikalment għall-programm 2021-2022 li ġej. Xorta waħda, nistiednu kwalunkwe produttur li jixtieq jipproponi produzzjonijiet ġodda biex jagħmel hekk sal-24 ta’ Awwissu 2021. B’hekk, il-programm li minnu jistgħu jibbenefikaw l-iskejjel ikun iktar mogħni u varjat. Linji gwida u applikazzjonijiet huma online fuq il-website tal-Kunsill Malti għall-Arti. Il-mistoqsijiet għandhom jiġu indirizzati lil culturepass.mhal@gov.mt