Navigate Up
Sign In

Is-settur edukattiv huwa opportunità għall-ħiliet kollha tal-istudenti

Reference Number: PR211405, Press Release Issue Date: Jul 25, 2021
 
 
 
"Biex nipproteġu l-wirt kulturali jeħtieġ li niżguraw li għandna persuni tas-sengħa biex jagħmlu dan ix-xogħol tant importanti u għalhekk irridu nħarsu s-snajja u naraw li ż-żgħażagħ ngħinuhom jiżviluppaw dawn il-ħiliet. Huwa għalhekk li se nkomplu ninvestu f’edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana meta żaret ix-xogħol ta’ restawr tal-Kappella ta’ Santa Katerina fil-Gudja, xogħol li sar mill-Istudenti tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST).

Il-korsijiet vokazzjonali fl-MCAST joffru lill-istudenti l-opportunità li jiksbu ħiliet kemm prattiċi kif ukoll teoretiċi. Id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni fi ħdan l-Istitut għall-Inġinerija u t-Trasport joffri korsijiet li jippermettu lill-istudenti jibdew karriera fit-tiswija u restawr tal-bini storiku. Il-letturi jiggwidaw lill-istudenti biex jipparteċipaw f’interventi ta’ restawr. F’dawn il-korsijiet, l-istudenti jiksbu ħiliet fil-manutenzjoni, protezzjoni u preservazzjoni, kif ukoll proċeduri ta’ tindif u restawr.

Wieħed mill-proġetti li ħadmu fuqu dawn iż-żgħażagħ kien ir-restawr tal-Kappella ta’ Santa Katerina fil-Gudja, li kienet restawrata fl-1631, filwaqt li l-kappella preżenti nbniet flok oħra tal-1562. Studenti tal-MCAST ħadmu wkoll xogħol ta’ tiswija fil-Kappella ta’ San Filippu fl-Isla, il-Kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat u l-istazzjon f’Birkirkara.

L-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-MCAST joffri aktar minn ħamsin kors. Il-korsijiet fit-tiswija ta’ bini storiku fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni jwasslu għad-Diploma ta’ Kapumastru filħames livell. It-taħriġ prattiku jsir fil-workshops tal-Kulleġġ u f’siti kulturali.

“L-istudenti kienu impenjati b’biċċa xogħol tassew speċjalizzata u prestiġġjuża, dak tar-restawr u allura qed nitkellmu fuq il-wirt kulturali ta’ pajjiżna, dak kollu li jsawwarna bħala poplu u bħala pajjiż. U hawnhekk naraw ukoll l-impenn tal-MCAST li ukoll jidħol f’dan is-settur u jipprepara nnies meħtieġa biex ikollna wkoll nies speċjalizzati f’dan il-qasam”, qalet il-Ministru Caruana.

Is-Sindku tal-Gudja, Marija Sara Vella, qalet li għall-Kunsill kien importanti li jikkollabora mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u mal-MCAST għal dan ir-restawr u awgurat li jkun hemm aktar kollaborazzjoni fiż-żmien li ġej.

L-Arċipriet Kanonku Norman Zammit spjega li fil-kappella se jkun hemm is-sagrament biex in-nies ikunu jistgħu jitolbu matul il-ġurnata fiha. “Hija kappella żgħira, allura hija kappella fejn wieħed jista’ jinġabar aktar, u għalhekk qisna ħsibna fiha biex tkun għall-adorazzjoni”, qal l-Arċipriet.

 
Stephen Sammut, Direttur tal-Istitut tal-Inginerija u Trasport, inkoraġixxa żgħażagħ li forsi m’għandhomx ċertifikazzjoni biex jaraw x’toffri l-MCAST, għaliex dan l-Istitut Edukattiv joffri għadd ta’ korsijiet li jgħinu lil kull student mhux biss jiskopri x’inhuma l-ħiliet tiegħu, imma jgħinu wkoll fit-triq edukattiva tiegħu.​​​​​​