Navigate Up
Sign In

Imniedi d-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Politika Nazzjonali tal-Isport

Reference Number: MEDE111216, Press Release Issue Date: Dec 11, 2016
 
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius vara d-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Politika Nazzjonali tal-Isport għas-snin 2017–2027, bil-għan li jipprovdi qafas li jqajjem diskussjoni u li jinħolqu rakkomandazzjonijiet sabiex l-isport jitjieb.
 
Is-Segretarju Parlamentari spjega li dan id-dokument huwa msejjes fuq tliet pilastri li huma: l-isport u l-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni fl-isport, u l-industrija tal-isport. Id-dokument għandu l-mira li sal-2027, bir-rakkomandazzjonijiet li joffri, jitjieb kemm l-isport fuq bażi elite u titjieb il-ħajja attiva u sana taċ-ċittadini.
 

Minħabba d-dimensjoni Maltija, id-dual career fl-isport għandha tingħata aktar prijorità. Il-Gvern għandu l-għan, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari, li jżid l-inċentivi finanzjarji fejn l-aktar li hemm bżonn, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-atleti professjonali f’pajjiżna. Hija realtà li l-atleti tagħna jkollhom diverġenza bejn is-sors ewlieni tad-dħul tagħhom u l-programmi ta’ taħriġ ta’ kuljum. Din is-sitwazzjoni trid tittieħed azzjoni dwarha.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-involviment fl-attività fiżika huwa prijorità oħra ta’ din il-politika, bil-għan li titnaqqas ir-rata għolja ta’ persuni obeżi f’pajjiżna. ‘‘Fuq nett tal-aġenda tal-Gvern hemm li jġib lill-pubbliku ġenerali konxju li l-prevenzjoni hija aħjar mill-kura’’, saħaq is-Segretarju Parlamentari.

Chris Agius spjega li l-abbozz jenfasizza dwar modi diversi ta’ sport, pereżempju kif l-isport jista’ jiffaċilita l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni, l-eradikazzjoni tad-diskriminazzjoni, u li nersqu aktar viċin ta’ dawk il-persuni li jħossuhom emarġinati fl-isport.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li dan li tnieda llum huwa riżultati ta’ xhur ta’ ħidma minn tliet boards maħtura apposta li ffukaw fuq aspetti varji tal-isport. Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq dan l-abbozz, enfasizza li dan huwa dokument ta’ konsultazzjoni u li qed jintlaqa’ l-kontribut ta’ kulħadd biex finalment ikollna politika nazzjonali għall-isport li tappartjeni lin-nazzjon kollu.

Dan id-dokument hu miftuħ għall-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet sportivi lokali kif ukoll mal-pubbliku sal-aħħar ta’ Jannar 2017. Wieħed jista’ jibgħat il-kummenti tiegħu permezz ta’ email fuq sportspolicydraft.mede@gov.mt, bil-posta fuq l-indirizz: Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Triq l-Assedju l-Kbir, il-Furjana jew inkella billi jaċċessa s-sit www.konsultazzjoni.gov.mt.