Navigate Up
Sign In

Aġġornamenti għall-ġenituri

​Aġġornament - 06 ta' Novembru, 17:15

PR172495
 
STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U MILL-MALTA UNION OF TEACHERS
 
Jintlaħaq bażi ta’ ftehim fuq il-pakkett finanzjarju bejn l-MUT u l-Gvern
 
Bi pjaċir il-Gvern u l-Malta Union of Teachers iħabbru li intlaħaq bażi ta’ ftehim fuq il-pakkett finanzjarju u għaldaqstant in-negozjati se jisskotaw fuq il-ftehim sħiħ għall-edukaturi f’pajjiżna.
 
Fid-dawl ta’ dan il-ftehim, l-MUT qed tissospendi l-azzjonijiet industrijali u l-istrike ta’ nhar l-Erbgħa.

 

Aġġornament - 25 ta' Ottubru, 12:30

Il-Gvern jinnota l-azzjonijiet industrijali mħabbra mill-union tal-għalliema ftit tal-ħin ilu. Il-Gvern jerġa’ jisħaq impenn totali biex il-kundizzjonijiet tal-għalliema jissaħħu wara li għal 25 sena taħt Gvern Nazzjonalista, l-għalliema u l-edukaturi ntesew kompletament.
 
Biżżejjed wieħed ifakkar li bejn l-2005 u l-2013 il-gvern ta’ dak iż-żmien ta żidiet fl-allowances lil 135 grad tas-servizz pubbliku. Fl-aħħar 11-il post ta’ din il-klassifika ta’ żidiet hemm 10 karigi relatati ma’ ħaddiema fl-edukazzjoni, fosthom għalliema, learning support assistants u kindergarten assistants. Għal din l-amministrazzjoni dan mhux aċċettabbli.
 
Kundizzjonijiet aħjar
 
Il-Gvern itenni li jixtieq, u hu fiduċjuż, li jilħaq ftehim mal-union tal-għalliema kif inhu anke elenkat ċar fil-manifest tal-Gvern u kif espress b’mod ċar mill-Prim Ministru. Dawn il-proposti elettorali dejjem twettqu fi żmien relattivament qasir u din mhux se tkun eċċezzjoni.
 
Il-Gvern ilu jinnegozja għall-aħħar żmien fuq dan il-ftehim u ġew diskussi punti konsiderevoli proposti mill-MUT u maqbula mill-Gvern, u hemm oħrajn li għad irid jintlaħaq ftehim dwarhom. Il-Gvern għamel ukoll numru ta’ proposti għal titjib fil-kundizzjonijiet li jmorru oltre minn dawk mitluba.
 
Filwaqt li l-Gvern jirrikonoxxi d-dritt ta’ dawn l-azzjonijiet industrijali, jistieden lill-union tal-għalliema biex terġa’ lura madwar il-mejda bil-għan li jiġi ffinalizzat dan il-ftehim fl-aħjar interess tal-gradi kollha tal-edukaturi.
 
Aġġornamenti regolari 

 

Dwar dawn l-azzjonijiet, il-Ministeru se jkun qed jaġġorna lill-ġenituri b’notifiċi regolari fuq education.gov.mt u l-ġenituri se jirċievu wkoll SMS b’aġġornamenti fiż-żmien li ġej.